- VODAFONE MALTA TIRREAĠIXXI: tgħid li diġà bdiet investigazzjoni interna u li se tkun qed tikkopera mal-awtoritajiet
L-Editur Maniġerjali tal-ġurnal MaltaToday, Saviour Balzan, ressaq ilment bl-avukat mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Vodafone u GO, fejn qed jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-ksur ta’ informazzjoni personali li ħarġet mill-kumpaniji tagħhom minn sors intern, dan sabiex jiġi stabbilit is-sors ta’ dan il-ksur.
Dettalji ta’ telefonati li għamel Balzan ġew żvelati fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, li ġie ppubblikat fil-Malta Independent. Fejn hi rreferit għal dawn it-telefonati bejn Balzan u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Fl-ittra indirizzata lill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, li tinkludi wkoll ilment lill-Kummissarju tad-Data Protection, Balzan qed jitlob li l-kumpaniji jieħdu azzjoni mmedjata kontra min kien involut fil-ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ informazzjoni personali.
Balzan qed jirriserva d-dritt tiegħu li jieħu azzjoni legali kontra l-kumpaniji jekk ma jieħdux azzjoni dwar dan il-ksur.
Balzan qal li jifhem li persuni pubbliċi huma esposti għal skrutinju ġurnalistiku iżda li dan ma jfissirx li wieħed jista’ jagħti informazzjoni personali ta’ persuna mingħajr il-kunsens tiegħu.
“Jidher biċ-ċar li din l-informazzjoni personali ħarġet b’mod illegali u illeġittimu u mingħar ġurisdizzjoni minn impjegat jew aktar jew membri tal-persunel sabiex jaqdu dak li talbet Caruana Galizia. Dan l-att illegali huwa ksur tad-drittijiet tiegħi bħala klijent u jwassal għal multa li titla’ għal €23,000. Kif ukoll ksur taħt il-liġi kriminali,” qal dan Balzan.
Balzan talab ukoll lill-Kummissarju tad-Data Protection biex jinvestiga dan il-ksur b’mod immedjat.
Intant, b’reazzjoni għall-ilment li ressaq l-Editur Maniġerjali Saviour Balzan, Vodafone Malta fi stqarrija, qalet li bħala kumpanija hi tieħu l-privatezza u s-sigurtà tal-klijenti tagħha b’serjetà kbira.
Il-kumpanija qalet li bħalissa għaddeja b’investigazzjoni interna b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet li qal Balzan. Sostniet li f’dan l-istadju għad m’għandhomx biżżejjed evidenza li tindika li kien hemm ksur fis-sistema li tintuża biex tipproteġġi l-komunikazzjoni tal-klijenti tagħha.
Vodafone se tkun qed tikkopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/04/Saviour-Balzan-letter-to-service-providers.pdf” title=”Saviour Balzan – letter to service providers”] [pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/04/Saviour-Balzan-letter-to-comm-for-data.pdf” title=”Saviour Balzan – letter to comm for data”]