Fuq rakkomandazzjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, il-Bank Ċentrali Ewropew neħħa l-liċenzja tal-bank Satabank bi dħul fis-seħħ mill-aħħar ta’ Ġunju.
Fi stqarrija l-MFSA spjegat li l-kumpanija Ernst & Young, li qabdet hi stess, għadha u se tibqa’ tmexxi l-operat tal-entità. L-MFSA żiedet ukoll li kull miżura regolatorja li qatt ittieħdet fil-konfront tal-entità se tibqa’ fis-seħħ, u ħlief għal xi eċċezzjonijiet, se jieqaf ukoll ir-ritorn tad-depożiti lill-klijenti tal-bank.
L-MFSA kienet appuntat lil Ersnt & Young bħala l-entità kompetenti biex tmexxi Satabank f’Ottubru tal-2018, biex tirrapporta lura dwar in-natura, it-tmexxija jew aspetti oħra marbuta mal-qadi xieraq tas-servizzi li joffri l-bank.