Satabank ikkuntattja il-klijenti kollha li jgħixu Malta li kellhom bejn €50 u €15,000 fil-kont bankarju tagħhom, biex flushom jintraddulhom, skont kif miftiehem qabel mal-istess bank.
Fi stqarrija, l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, ikkonfermat li Satabank ikkuntattja l-kljenti kollha li jgħixu Malta, u li klijenti li kellhom bejn il-€50 u l-€15,000 mġemma’ fil-bank iżda ma jgħixux Malta, se jkunu kkuntattjajti fil-jiem li ġejjin.
Lura f’Novembru kien imħabbar li se jitwaqqaf il-Hardship Fund, biex klijenti ta’ dan il-bank jieħdu flushom lura fi żmien stipulat.
Negozji li għandhom kont ma’ Satabank ukoll se jkunu kkuntattjati biex jibda’ l-proċess tar-ritorn tal-fondi. Dawn se jkunu mitluba jgħaddu kull informazzjoni utli lill-awtoritajiet biex il-proċess ikun wieħed sostenibbli.
L-istqarrija tal-MFSA nnutat ukoll li l-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-FIAU qed jaħdmu mal-awtoritajiet kollha nvoluti, hekk kif huwa fl-aħjar interess ta’ Satabank, u tas-settur tas-servizzi finanjarji ta’ Malta, li din il-kwistjoni tissolva b’mod professjonali. L-istess fond se jkun qed jappoġġja lil negozji lokali biex iħallsu lill-impjegati tagħhom u jkopru spejjeż oħra.
Satabank ikkopera mal-MFSA tul dan il-proċess kollu biex jinkiseb l-aħjar riżultat possibbli għall-konsumatur.