Sat-3:00 ta’ waranofsinhar, is-somma li nġabret b’risq Puttinu Cares kienet dik ta’ aktar minn €700,000.
Dan hekk kif fil-Ġimgħa l-Kbira l-poplu Malti u Għawdxi għandu l-opportunità jkun ġeneruż fil-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu Cares.
Fl-għaxra ta’ filgħodu bdiet din il-maratona b’għan nobbli bis-sehem ta’ mijiet ta’ persuni, fosthom il-President ta’ Malta, George Vella u martu, li taw bidu għal dan il-jum ta’ solidarjetà.
Fl-ewwel ħames sigħat ta’ din il-maratona diġà kienu nġabru mas-seba’ mitt elf ewro.
Din is-sena, dawk preżenti fil-maratona fakkru l-memorja tat-tabib Victor Calvagna, li kien ukoll President ta’ Puttinu Cares, li fl-ewwel jiem ta’ din is-sena miet traġikament wara inċident tat-traffiku.
Tul il-maratona, qed jiġu rrakkontati bosta stejjer ta’ nies li ġew bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares.
Jum qabel il-maratona, wara nuqqas ta’ sentejn, eluf ta’ Maltin ħadu sehem fil-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq Puttinu Cares.
Din il-maratona se tibqa’ għaddejja sa nofsillejl.