Ix-xogħol fuq il-binja li se tilqa’ fiha d-Direttorat tal-Kura Alternattiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ f’Santa Venera jinsab fi stat avvanzat, hekk kif bħal daż-żmien sena tibda tilqa’ fiha tfal u żgħażagħ li jeħtieġu kura alternattiva.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies. Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li qed inħarsu lejn proċess fejn it-tfal ikunu miġbura f’post wieħed.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħasrien Soċjali, Alfred Grixti, tenna li din il-binja se tkun pass ieħor biex jingħataw aktar servizzi ċentralizzati lil 480 tifel u tifla li jieħdu l-kura alternattiva.
Huwa qal, “Dan il-bini huwa dik il-bażi operattiva, hawnhekk ħa jkollna servizzi ta’ fostering, addozzjonijiet, iż-żjajjar t’aċċess b’superviżjoni, il-kura medika tat-tfal permezz tal-konsulent pedjattriku u l-aftercare ta’ tfal u żgħażagħ li jkunu għalqu t-18-il sena u ħa jkunu qed jittranżizzjonaw għal ħajja indipendenti wara li jkunu fil-kura alternattiva.”
Id-Direttur għall-Kura Alternattiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, Remenda Grech saħqet li din il-binja hija ddisinjata biex fost oħrajn tagħti post fejn it-tfal u ġenituri li jirrikorru għas-servizz, ikollhom spazju biex iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Hija stqarret: “Ħin li ħa jgħin biex fl-aħħar mill-aħħar dak l-iskop tal-SAV jiltaħaq. L-iskop huwa illi l-ġenituri u t-tfal jersqu kemm jista’ jkun aktar lejn xulxin, jikkreaw dak illi aħna nsejħulu attachment biex finalment ikollhom il-ħajja tagħhom ħafna aħjar il-ġenituri u t-tfal flimkien.”
Il-Ministru Falzon tenna li bħala Gvern mhux qed iħares lejn dan l-investiment fi kwantità ta’ flus, imma investiment fin-nies.
Huwa sostna: “L-għan aħħari tagħna hu li mhux biss intejbu l-ambjent li naħdmu fih, li huwa importanti, imma fuq kollox li nħallu marka pożittiva fis-soċjetà tagħna.”