Sas-sajf se tidħol fis-seħħ liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà, b’konformità mar-rakomandazzjonijiet tal-Inkjesta Sofia, u waħda mill-prijoritajiet li elenka l-Prim Ministru fil-konferenza tal-aħbarijiet wara li ġiet ippublikata l-inkjesta.
Fl-isfond ta’ din il-liġi u r-riformi mistennija fis-settur, fil-Jum Dinji dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA organizzat konferenza biex ikomplu jiġu diskussi metodi ta’ kif il-prattiċi tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jitjiebu biex jgħollu l-livell u l-istandards tar-regolamenti fis-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet kif din l-inizjattiva ttieħdet f’mument kruċjali fejn l-istakeholders jingħaqdu b’għan wieħed u flimkien ifasslu t-triq għal standards ogħla fis-settur.
“L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol temmen li tista’ tasal biss biex tgħolli l-livell billi taħdem b’kollaborazzjoni mal-imsieħba tagħha f’dan il-qasam.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Occupational Safety and Health Practitioners, George Steve Darmanin, saħaq dwar l-importanza tar-rwol tal-project supervisors, b’taħriġ kontinwu fil-professjoni.
“Hemm ħafna ottimiżmu li l-affarijiet jistgħu jitjiebu u allura jkun hemm progress fil-livelli tas-saħħa u s-sigurtà f’Malta.”
Il-Ministru responsabbli mir-riformi fis-settur, Jonathan Attard, spjega li għaddejja ħidma biex jiġu ngaġġati aktar uffiċjali fi ħdan l-OHSA biex tissaħħaħ il-funzjoni regolatorja tagħha.
Hu stmat li dan il-programm ta’ reklutaġġ se jfisser żieda ta’ ħamsa u ħamsin ħaddiem; evkwivalenti għal aktar mid-doppju tal-workforce eżistenti tal-Awtorità.
“Anke l-Gvern qed jimpenja ruħu li, fiż-żmien li ġej, iressaq liġi li se tkun qiegħda twettaq u tagħmel id-differenza f’dan is-settur b’tali mod li jkollna qafas regolatorju li jirrifletti l-esiġenzi tal-lum.”