Fi stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali tħabbar kif sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar ivvotaw madwar 51% tal-votanti rreġistrati fil-votazzjoni bikrija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Minn din l-istqarrija ħareġ kif sa dan il-ħin, għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ivvotaw 8,234 minn total ta’ 15,979 persuna li rreġistraw biex jivvotaw illum, ġimgħa qabel id-data tat-8 ta’ Ġunju.
Dan filwaqt li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar ivvotaw 8,298 minn total ta’ 16,135.
Fil-votazzjoni bikrija qed jivvotaw dawk li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar dakinhar tat-8 ta’ Ġunju se jkunu qed jivvotaw ġimgħa qabel.
Dak li rreġistraw biex jivvotaw illum, jistgħu jagħmlu dan fil-binja tal-Kummissjoni Elettorali fl-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar għall-Maltin u fl-Experimental Farm fi Triq l-Imġarr, fix-Xewkija, għal dawk irreġistrati fuq Għawdex.
Ma’ dawn hemm ukoll dawk kollha li jinsabu rikoverati fid-djar tal-anzjani, li qed jivvotaw fir-residenzi ta’ kura stess fejn jgħixu.
Il-votazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-għaxra tal-lejla.