Sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla, jiġifieri sas-16 ta’ Marzu, se jitqassmu erba’ pagamenti lil 63,000 familja u li jkopru x-xhur ta’ bejn Marzu u Ġunju.
Dawn il-pagamenti huma taċ-Children’s Allowance, dak għal Tfal b’Diżabilità, il-Fostering Allowance u l-pagament Supplimentari. Permezz tagħhom, il-Gvern se jkun qassam mal-€40 miljun oħra fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin sa l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega kif, b’kollox, f’dawn il-familji jgħixu 163,000 persuna, inkluż 63,000 tifel u tifla.
Ġie spjegat kif fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, dan il-Gvern wiegħed li ċ-Children’s Allowance se jżidu b’€450 tul il-leġiżlatura. Fl-2023 iż-żieda laħħqet id-€90 għal kull wild lill-familji kollha u fil-pagamenti ta’ din is-sena, din iż-żieda telgħet għal €250.
Għalhekk iż-żieda, li wiegħed il-Gvern, diġà laħqet it-€340 għal kull wild lill-familji kollha u li din tfisser li 75% tal-wegħda elettorali diġà ġiet kommessa.
Dan ifisser ukoll li l-ispiża taċ-Children’s Allowace matul is-sena 2024 se taqbeż is-€60 miljun. Nefqa ta’ €15 miljun aktar mis-sena l-oħra.
Minbarra hekk, biż-żidiet li tħabbru għas-sena 2023, il-Gvern ħallas €5 miljun aktar mis-sena 2022.
Dwar l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità, fl-2022 il-ħlas ta’ din l-allowance żdied minn €25 għal €30 fil-ġimgħa. Dan il-pagament jitqassam lill-ġenituri, li għandhom tfal b’diżabilità, flimkien mal-pagament taċ-Children’s Allowance.
Fil-konferenza ġie spjegat ukoll kif mill-pagament tal-Foster Care Allowance din is-sena qed jibbenefikaw 185 familja.
Sadanittant mill-Allowance Supplimentari jitħallas lil dawk il-familji li d-dħul tagħhom ma jkunx jeċċedi ċertu threshold u dan biex il-Gvern jibqa’ jsostni lill-familji finanzjarjament.
Minkejja li titħallas din l-allowance, il-Gvern xorta ddeċieda li jintervjeni u s-sena l-oħra daħħal il-Benefiċċju għall-Għoli tal-Ħajja u kompla jsaħħu għal din is-sena, fejn b’kollox dan il-benefiċċju rċevewh mas-96,000 familja. Dan biex il-Gvern jibqa’ jassigura dħul b’saħħtu lill-familji u fl-istess ħin tiġi pprattikata l-ġustizzja soċjali.
Il-Ministru Falzon ħabbar ukoll riżultati pożittivi li kiseb il-Ministeru tiegħu.
“Sal-aħħar ta’ Frar se nkunu diġà wettaqna 71% tal-miżuri tal-Baġit 2024 u wettaqna wkoll aktar minn 58% tal-manifest elettorali dwar il-qasam soċjali f’inqas minn sentejn. Gvern li jwettaq dak li jwiegħed u anke jmur oltre biex ngħinu lil kulħadd fis-soċjetà tagħna, imma naħseb li għandna dover biex ngħinu l-aktar lil dawk li għandhom bżonn.”