Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu infurmat li l-PBS ħa jressaq talba biex il-mandat ta’ inibizzjoni quddiem l-Imħallef Myriam Hayman jinstema’ b’urġenza.
Dan wara li l-Partit Nazzjonalista lmenta u skontu l-materjal tal-Budget 2025 ippreżentat mill-Gvern hu partiġġjan.
Sussegwentament, il-Partit Nazzjonalista permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-eks Segretarju Ġenerali Pawlu Borg Olivier, fetaħ kawża jakkuża b’disprezz għax ixxandar materjal tal-Budget 2025.
Għal dan, il-Ministru politikament responsabbli mill-PBS Owen Bonnici qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid titfa’ l-ħaddiema tal-PBS il-ħabs bi proċeduri kriminali.
Il-Ministru Bonnici qal li l-istess materjal li l-PN qed jilmenta dwaru, xandru fuq l-istazzjon tiegħu stess.
Il-Ministru Bonnici sostna, “Li Bernard Grech għandu problema li inti bħala ċittadin tkun taf kif se jolqtok il-Budget tinkwetani. Imma li jasal f’dan l-istat li jipprova mhux biss jagħmel sarima ma’ ħalq il-Gvern biex jitwassal l-messaġġ tal-Budget iżda anki juża tattiċi bħal dawn, huwa ta’ għajb kbir u att tal-mistħija.”
AQRA AKTAR: