Iddaħlu għand l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministru tal-Ekonomija Taljan l-ewwel applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp infrastrutturali tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Ta dawn id-dettalji l-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi li spjega kif hemm bżonn permessi miż-żewġ pajjiżi biex dan il-proġett isir. Skont il-pjanijiet li hemm hu maħsub li sal-2019 ikunu ħarġu s-sejħiet għall-offerti għall-bini ta’ dan il-pipeline. Dan għax ikunu tlestew l-istudji kollha. Bil-għan li l-bini mbagħad jieħu massimu ta’ 36 ġimgħa. Hu maħsub li dan se jiswa madwar €322 miljun, għalkemm hi ċifra li tista’ tvarja minħabba li hu proġett kumpless.
Intant, għaddejjin pjanijiet biex titwaqqaf kumpanija pubblika għat-twettiq tal-proġett tal-pipeline tal-gass u iktar tard biex tieħu ħsieb u tmexxi l-operat tal-infrastruttura meta tiġi kkumissjonata.
Il-proġett tal-pipeline tal-gass huwa meqjus bħala wieħed importanti ħafna għaliex pajjiżna jingħaqad mal-Ewropa għall-provvista ta’ sors importanti ħafna tal-enerġija. Iktar minn hekk ladarba l-pipeline tal-gass ikun lest minn pajjiżna jkun jista’ jitlaq darba għal dejjem it-tanker tal-LNG mill-port ta’ Marsaxlokk. Dan il-pipeline ilu jkun imwiegħed bosta snin iżda kien biss fl-aħħar leġiżlatura li ngħata imbuttatura ’l quddiem bħala parti mill-pjan tal-gvern li mill-heavy fuel oil, l-iktar żejt li jniġġes, qlibna għall-gass li tejjeb bil-kbir il-kwalità tal-arja fil-pajjiż.
Fost xogħol li diġà sar insibu d-disinn bażiku tal-infrastruttura neċessarja u ġiet iddentifikata r-rotta bejn Malta u Sqallija u s-siti fejn se jitpoġġew it-terminal stations ġewwa Gela u Delimara, il-postijiet minn fejn se jibda u jispiċċa dan il-pipeline.