Illejla saret iċ-ċerimonja uffiċjali f’riġlejn il-monument tas-Sette Giugno fil-Belt Valletta, fejn ingħata ġieħ lill-vittmi tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919: Lorenzo Dyer, Carmelo Abela, Giuseppe Bajada, u Emmanuele Attard.
Fl-isfond ta’ dak li kien qed jiġri fil-pajjiż dak iż-żmien, l-Assemblea Nazzjonali bdiel tħejji t-talbiet għal Kostituzzjoni ġdida. Sentejn wara, pajjiżna ngħata kostituzzjoni ta’ Gvern Responsabbli u l-Maltin saru responsabbli għall-affarijiet interni. B’hekk ġie mwaqqaf l-ewwel Parlament Malti, li kellu 32 membru u tlaqqa’ għall-ewwel darba fl-1 ta’ Novembru 1921. Twaqqaf ukoll Senat bi 17-il membru.
Il-monument tas-Sette Giugno kien inħadem mill-iskultur Rabti Anton Agius u jinsab fi Pjazza San Ġorġ, li dakinhar rat dak kollu li ġara meta, waqt dimostrazzjonijiet kontra l-kundizzjonijiet soċjali u l-prezz tal-ikel essenzjali ta’ kuljum, is-suldati Ingliżi fetħu n-nar fuq il-Maltin.
Fin-nuqqas tal-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, li jinsab indispost, id-deputat Speaker David Agius għamel diskors fl-okkażjoni ta’ din it-tifkira. Wara indaqqu l-Last Post u r-Reveille u ġiet osservata minuta silenzju.
Għal din iċ-ċerimonja attendew diversi persuni distinti, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppozizzjoni Bernard Grech, id-Dekan tal-Korp Diplomatiku Mons. Savio Hon Tai Fai, is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit, rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta, u membri mill-familja tal-vittmi, fost oħrajn. Huma qiegħdu kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tas-Sette Giugno.