Il-Malta Enterprise nehdiet għajnuna għar-rappurtaġġ tal-ESG lin-negozji żgħar u medji biex biex iħaddmu konsulenti biex jgħinuhom fir-rappurtaġġ tal-ESG, bl-għan aħħar jkun li jkunu aktar sostenibbli.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
Fil-fatt, fid-diskors tiegħu, is-sur Farrugia spjega kif l-għotja se tipprovdi sa massimu ta’ €5,000 fuq tliet snin lill-intrapriżi żgħar u medji, magħrufa aħjar bħala SMEs, biex iħaddmu konsulenti biex jgħinuhom fir-rappurtaġġ tal-ESG.
Dwar dan il-finanzjament, is-Sur Farrugia spjega li permezz tal-iskema l-ġdida, il-kumpaniji benefiċċjarji se jkunu eliġibbli għal għotja fi flus ta’ €3,000, li jkopru sa massimu ta’ 75% tal-ispejjeż tal-konsulenti. Dan filwaqt li se jkollhom ukoll l-għażla li jirċievu għajnuna addizzjonali fis-sentejn ta’ wara, b’għotja ta’ €1,000 fi flus addizzjonali disponibbli kemm fit-Tieni Sena kif ukoll fit-Tielet Sena.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Miriam Dalli nnutat li din l-għotja hija wegħda elettorali oħra tal-Gvern, kif ukoll miżura importanti tal-Baġit 2023, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern lejn transizzjoni ekonomika favur in-newtralità tal-klima sal-2050.
Sostniet li minn meta ġie introdott l-kunċett ta’ rappurtaġġ tal-ESG f’Malta, il-Gvern minn dejjem emmen li dan se jgħin lil kumpaniji u l-komunitajiet billi jkunu aktar effiċjenti, dekarbonizati, sostenibbli u soċjalment ġusti.
Fil-fatt, irrimarkat ir-riżultati pożittivi affettwati minn dan il-kunċett.
“Fi żmien qasir, in-negozji li diġà qed jirrapportaw ir-riżultati tagħhom irreġistraw tnaqqis ta’ tmienja fil-mija fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tagħhom u ġġeneraw disa’ fil-mija inqas skart. Irrappurtaw ukoll żieda ta’ seba’ fil-mija fin-nisa f’rwoli maniġerjali, u tlettax fil-mija aktar diretturi indipendenti fil-bordijiet,” żied tgħid il-Ministru.
Kumpaniji interessati li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar din l-iskema u inizjattivi oħra tal-Malta Enterprise jistgħu jżuru maltaenterprise.com jew jikkuntattjaw lil Business First fuq 144.