Il-Ministru Clint Camilleri u d-Deputat Clayton Bartolo rċivew ċanfira mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li tressqu s-sottomissjonijiet tagħhom abbażi tal-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards.
Clayton Bartolo se jkun anki qed jagħmel apoloġija fil-Parlament filwaqt li mart id-deputat Clayton Bartolo, Amanda Muscat irrifondiet id-differenza tal-flus kif ikkalkulat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana.
F’dan il-kumitat, il-membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li l-eks Ministru Bartolo għandu jiġi mċanfar, waqt li jrid jagħmel apoloġija f’dikjarazzjoni fil-Parlament.
Dan filwaqt li l-Ministru Clint Camilleri ġie wkoll mċanfar mill-Parlament bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Matul dan il-kumitat, il-membri tal-Oppożizzjoni f’dan il-kumitat ippreżentaw mozzjoni li ġiet imwaqqa’ mill-Ispeaker Anġlu Farrugia għaliex ma mxewx mal-proċedura bil-membri tal-Gvern jinnutaw li Ryan Callus u Mark Anthony Sammut, id-Deputati tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat, kienu qed jagħmlu aġir partiġġjan biex jippruvaw jiskorjaw punti politiċi bi premessi żbaljati.
Il-membri tal-Gvern qraw siltiet mid-dikjarazzjoni tal-Ministru Clint Camilleri, fejn juri rispett lil dan ir-rapport mill-Kummissarju għall-Istandards, waqt li sostna li fil-ħidma tiegħu se jaħdem biex ikun hemm tibdil fil-manwal preżenti.