Fil-Jum Dinji tal-Annimali li ġie ċċelebrat il-Ġimgħa, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qassmet il-fondi miġbura minn donazzjonijiet waqt il-kunċert ‘A Night at the Palace’ lil diversi santwarji tal-annimali.
Dr Abela esprimiet sodisfazzjon li għal sena oħra, fil-Palazz tal-Girgenti, tellgħu t-tielet edizzjoni ta’ dan il-kunċert bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Sadanittant, Dr Abela irringrazzjat lill-ħaddiema kollha fis-santwarji tal-annimali għall-ħidma volontarja tagħhom ta’ kuljum favur il-ħarsien tal-annimali.
Hija fakkret li s-santwarji fl-inizjattiva ‘Solar4dShelter’, li biha s-santwarji tal-annimali se jingħataw pannelli solari b’xejn.
Din l-inizjattiva mhux biss tgħin lis-santwarji joperaw b’mod aktar sostenibbli, iżda wkoll tnaqqas il-piż finanzjarju.
Fl-istess jum, numru ta’ voluntiera ġew ippremjati f’edizzjoni oħra tal-Animal Honours Awards, li għandhom l-għan li jiċċelebraw il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha, partikolarment il-volontiera u l-professjonisti, li ta’ kuljum jaħdmu bla heda favur il-ħarsien u d-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna.
Matul ix-xhur tas-sajf, il-pubbliku kellu l-opportunità li jinnomina u jivvota għal tnax-il kategorija differenti, b’sitta minnhom relatati direttament mal-annimali u ħamsa oħra għal persuni li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali.
Il-premjijiet ġew ippreżentati mill-Ministru responsabbli Anton Refalo, mis-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri, mill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Alison Bezzina, kif ukoll minn Dr Lydia Abela, li ppreżentat premju speċjali lill-ġenituri ta’ Jake Vella, għall-memorja ta’ binhom, li ħadem bla heda favur il-ħarsien tal-annimali.