Il-velu abjad bil-faxxex blu, li huwa s-simbolu ta’ ħidmet waħda mill-iktar ikoni għal qalb l-Insara, nhar il-Ħadd mistenni joħnoq pjazza San Pietru fil-Vatikan għal ta’ Madre Tereza.
Il-vjaġġ li l-eluf ta’ insara qed jagħmlu biex ikunu parti mill-jum ta’ fidi storiku qed jissejjaħ bħala ‘vjaġġ sagru uniku’, fejn dawn se jkunu preżenti għall-ewwel mumenti li l-beata Tereża se ssir Santa Tereża ta’ Kalkutta.
Iċ-ċerimonja se ssir nhar l-erbgħa ta’ Settembru wara li lura f’Marzu il-Papa Franġisku ħabbar li se tiġi dikjarata qaddisa għall-ħidma umanitarja li għamlet propju fil-Belt Indjana li għada ġġor ma’ isimha.
Isem familjari u ikoniku għar-reliġjon Nisranija, Madre Tereża hija simbolu ta’ mħabba, hena u faraġ għall-foqra, li kontinwament tispira lil missjunarji kollha.
Għalkemm mwielda f’dik li llum hija Maċedonja, Madre Tereża hija assoċċjata b’mod dirett mal-belt Indjana fejn wara t-Tieni Gwerra Dinjija marret biex tgħin lil dawk maħkuma mill-faqar.
Wara għaxar snin ta’ ħidma kontinwa, Tereza fetħet l-ewwel dar għat-tfal abbadunati.
Il-legat tagħha għadu jidher fl-erbat elef u ħames mitt soru tal-Missionaries for Charity, li tagħha Madre Tereza hija fundattriċi.
Dawn is-sorijiet komplew jimxu fuq il-passi tagħha, fejn jgħixu ħajja umli, bil-patt ma’ Alla li jgħinu lill-ifqar fost il-fqar. Madre Tereza ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi lura fl-1979.
Issa se tingħata l-ikbar titolu għall-Kattoliċi fejn ħajjitha se tibqa turi relevanza għall-ħajja qaddisa, f’kuntest ta’ realtajiet moderni li għandna llum.