Wara ġurnata xogħol fl-istaġun qalil tas-sajf, l-ewwel ħaġa li bosta jfittxu hija doċċa friska jew tazza ilma kiesħa.
Madankollu bosta jistaqsu x’jista’ jiġri li kieku l-pajjiż kellu jesperjenza problemi fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma l-aktar meta nqisu l-fatt li ngħixu f’pajjiż bi klima sħuna u b’ħafna nixfa tant li l-biċċa l-kbira tal-ilma jiġi minn bosta impjanti tarr-reverse osmois.
Iżda bil-ħidma li saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ir-riżerva tal-ilma f’Malta tinsab mimliha kważi kollha.
Qal dan l-uffiċjal tal-operazzjonijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Stefan Riolo, hekk kif spjega li r-riżerva tal-ilma hija mimliha sa’ sebgħa u disgħin fil-mija.
Huwa spjega kif dan huwa ta’ benefiċċju għar-residenti Maltin u Għawdxin f’każ ta’ problemi kbar fil-provvista tal-Ilma.
“Meta għandek ir-riżervi kważi qed ifuru, meta għandek ir-reservoirs mimlijin kollha, għandek ċans li inti tinvestiga, itik ċans li taħdem, issib il-problema x’inhi u ovjament il-pajjiż ma jkunx compromised mill-ammont tal-ilma.”
B’hekk minkejja l-isfida li l-Maltin dejjem batew biex isibu ilma tajjeb biżżejjed biex jgħixu, il-provvista tal-ilma f’Malta llum il-ġurnata hija saħansittra iktar sigura u effiċjenti minn dik ta’ pajjiżi barranin.
“Pajjiżi oħra vera li jkollhom ħafna xemx għal ftit ġimgħat u temperaturi għoljin għal ftit ġimgħat, ġimgħa jew tnejn, dawn ikollhom xita kuljum peró f’sitwazzjoni fejn toħroġ naqa xemx jibdew ma tistax taħsel il-karozza, house ban, jiġifieri jkun hemm panic station kbira. Aħna għal grazzja ta’ Alla m’aħniex f’din is-sitwazzjoni. We are very well geared avolja hija country li hija stressed.”
Is-Sur Riolo żied jiżvela kif nhar Santa Marija kien l-iktar jum fis-sena li matulu ġie ikkunsmat ilma fil-gżejjer Maltin.
Filfatt fil-ħmistax ta’ Awwissu biss f’Malta ġew ikkunsmati madwar 70 miljun litru ta’ ilma.
“Huwa ta’ kull sena. Huwa fenomenu li jiġri kull sena jiġifieri għalina Santa Marija huwa l-peak tal-konsum tagħna. Ovjament hemm ħafna turisti, ħafna nies hija festa kulħadd ikun d-dar, sħana, l-ammont tal-ilma li jintuża huwa kbir ħafna.”
Is-Sur Riolo qal li minkejja r-riserva b’saħħitha ta’ ilma li għandu pajjiżna llum, ngħarfu nibżgħu għall-ilma għax kif ilna snin intennu, kull qatra tgħodd!