Santa Lucia ħasdu lil Valleta meta għelbuhom bl-iskor mnimu ta’ 1-0, b’din tkun ir-raba’ rebħa għal-Luċjani matul dan l-istaġun.
B’hekk huma baqgħu jittamaw li staġun ieħor, jilagħbu mal-elite tal-football Malti fil-Kampjonat Premier.
Kienu Santa Lucia li ħarġu fuq l-offensiva u fir-raba’ minuta, Nicholas Pulis, li kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tiegħu, venven xutt minn barra l-kaxxa li ntemm għoli.
Huma feħu l-iskor erba’ minuti wara meta wara cross mix-xellug, Jean Marie Nnomo Ngong, fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu, xeħet fil-lasta tiegħu stess biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
Huma komplew jippressaw u fit-12-il minuta, Rodolfo Soares, kellu d-daqqa ta’ tas tiegħu tiġi kklerjata minn Enzo Ruiz minn fuq il-linja fatali.
Valletta wieġbu fl-24 minuta, permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa tal-captain Rowen Muscat li għadda għoli.
Santa Lucia kienu ghadodohom rduppjaw l-iskor fl-40 minuta, iżda kienu sfortuanti meta Soares kellu xutt mill-viċin jaħbat mal-mimduda u jintemm barra.
Fit-tieni taqsima, Santa Lucia komplew jiddominaw bis-sħiħ u fil-55 minuta, xutt ta’ Yevheni Terzi ntemm għoli.
Sitt minuti wara, freekick insidjuż tas-sostitut Brandon Paiber għal Valletta ġie salvat f’corner bi bravura mill-goalkeeper tal-Luċjani, Matthew Calleja Cremona.
Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, sekondi biss wara, il-goalkeeper Taljan ta’ Valletta, Alessandro Guarnone, irriżulta bħala l-eroj assolut għall-Beltin hekk kif bi bravura salva żewġ xuttijiet konsekuttivi ta’ Yevhenii Terzi u Dexter Xuereb.
Santa Lucia komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Player tal-Logħba: Yevhenii Terzi (Santa Lucia)