Santa Lucia ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Gudja United bl-iskor kbir ta’ 4-0, bil-Luċjani jkunu diġá aċċertati mir-rebħa sa tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif kienu diġá tliet goals minn fuq.
Santa Lucia fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fis-seba’ minuta meta wara li rċieva minn cross mix-xellug ta’ Alessio Piazza, Aleksa Mrdja, mattar siequ u mill-viċin tefa’ ġewwa. Huma komla jippressaw u sitt minuti wara, daqqa ta’ ras tal-istess Aleksa Mrdja ġiet salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Gudja United, James Pisani.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Luċjani u fis-16-il minuta irduppjaw l-iskor meta s-solitu Aleksa Mrdja avvanza tajjeb u xeħet cross fil-baxx lil Alessio Piazza li minn taħt il-lasta spara ġewwa. Santa Lucia komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u man-nofsiegħa logħob, Fabian Santiago Moracci għadda tajjeb lejn Alessio Piazza li kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jiġi mdawwar f’corner bi bravura minn Pisani.
Dan kien il-preludju għat-tielet goal tal-Luċjani fil-45 minuta, meta Daniel Letherby kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ ġewwa, biex b’hekk il-Luċjani aċċertaw mir-rebħ tal-punti massimi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Luċjani komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fid-49 minuta kienu sfortunati li ma sabux ir-raba’ goal meta corner dirett ta’ Steve Pisani stampa mal-mimduda, b’Gudja jeħilsuha ħafif. Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda fit-58 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Evandro Pinto Gomes, spara xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Pisani.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, b’Santa Lucia jkomplu jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Casha
BOV Plejer tal-Logħba: Alessio Piazza (Santa Lucia FC)