F’partita li bħal ta’ qabilha ntlagħbet f’temp tassew xitwi u taħt xita kontinwa, Santa Lucia kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1, biex komplew ikabbru l-problemi tal-Maroons.
Kienu Santa Lucia li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti rebħu penalty li minnu inkariga ruħu l-captain Jurgen Pisani li ra lill-goalkeeper ta’ Gzira, Darijan Zarkov, isalva bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u mal-kwarta logħob fetħu l-iskor meta DANIEL LETHERBY kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jintemm ġewwa, bil-goalkeeper Zarkov jirnexxielu jsalva l-ewwel tentattiv, iżda mhux ir-rebound.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Gzira ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u ta’ dan ġew ippremjati meta fid-59 minuta, irnexxielhom isibu x-xibka. Dan meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Thiago Espindola, GABRIEL BOHRER MENTZ, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża, tefa’ gewwa.
Huma komplew jippressaw u fil-75 minuta is-sostitut Andrew Borg kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat minn fuq il-linja mid-difiża ta’ Santa Lucia, biex huma salvaw goal ċert.
Santa Lucia skorjaw il-goal tar-rebħa proprju fid-90 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tal-captain JURGEN PISANI, biex patta bis-sħiħ għall-iżball li wettaq fl-ewwel taqsima meta falla penalty.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
BOV Plejer tal-Logħba: Gabriel Bohrer Mentz (Gzira)