F’Birkirkara, mat-tokki tal-arloġġ iħabbru t-tmienja ta’ filgħodu, il-vara tal-patruna Karkariża Santa Liena Imperatriċi Awgusta, inħarġet mill-ewwel Kolleġġjata f’Malta, biex itterraq mat-toroq ewlenin.
Minn tfiegħ tal-karti mill-gallariji, nies bi ħġarhom fuq il-bjut, bandisti ta’ kull età jagħtu sehemhom qatiegħ biex il-parruċċani u dawk preżenti jitpaxxew ħlejju mal-ħoss tal-banda bid-daqq tal-marċi brijużi u proċessjonali.
Bis-sema griż maż-żiffa sajfija, l-aqwa armar li jagħmel il-festa Maltija, jiddomina t-tiżjin prinċipali, bil-bandalori, il-bnadar u l-pavaljuni li jsellmu lill-Imperatriċi.
Iltqajna mal-Prepostu Arċipriet, Monsinjur Louis Suban, li tlabnih jgħidilna aktar dwar Santa Liena, li mhux biss għażlet il-fidi Nisranija li fi żmienha kienet waħda ppersegwitata, iżda minkejja kollox baqgħet fidila lejn il-Prinċipji nsara u għexet b’onestà, mogħnija b’virtujiet u għerf mis-sema.
‘Santa Liena hija l-qaddisa li toffrilna l-ikbar teżor, li huwa s-salib ta’ Kristu. Santa Liena għexitu s-salib u toffrihulna biex bħalha ngħixuh ħalli naslu magħha fil-glorja. Għall-Karkariżi, ma nistax niddeskrivilek xi tfisser, għaliex kollox. Santa Liena nħobbuha u hija qrib ħafna tal-qalb tagħna u tal-familji tagħna.’
Tlabnih jimraħ ftit dwar it-tradizzjoni unika f’pajjiżna, li l-vara ta’ Santa Liena baqgħet tinħareġ mas-sebħ filgħodu.
‘Oriġinarjament, u din ma tantx hawn nies li jafuha, il-festi kollha kienu joħorġu filgħodu għax filgħaxija ma kienx hawn dawl. Allura l-festi kienu joħorġu filgħodu mad-dawl tax-xemx. Meta daħal it-tiżjin tad-dawl u tal-lampi taż-żejt fit-toroq, ħafna parroċċi qalu, mela nibdew nagħmluha filgħaxija għax hemm il-mixegħla. U aħna żammejniha filgħodu.’
Santa Liena kienet influwenti fl-Imperu Ruman, li ħadmet it-talenti tagħha tal-umiltà, il-bżulija, il-Karità Nisranija u fuq kollox l-għerf li kisbet mis-Salib Imqaddes.