Fl-istabbiliment ta’ Mannarinu Caterers fil-Ħamrun, wieħed jista jara xiħ tal-Milied fl-armatura. Iżda dan mhuwiex biss sempliċiment oġġett għat-tiżjin, iżda biċċa xogħol tal-arti dan hekk kif il-figura ta’ Santa Klaws hija magħmulha mill-ħelu.
Il-propjetarju ta’ Mannarinu Caterers Noel Borg spjega x’wasslu biex ħoloq din l-istruttura ta’ daqs medju.
Borg qal li “Is-sena l-oħra kont għaddej minn quddiem ħanut, rajt wieħed taċ-ċaqquf, kien daqxejn kbir u għidt is-sena d-dieħla nagħmel wieħed bħalu.”
Qalilna li biex joħloq figura ta’ Santa Klaws magħmul mill-ħelu, il-proċess ma kienx wieħed faċli u ta’ malajr, tant li ħa kważi erba’ xhur.
Spjega kif “Mill-ħabta ta’ Awwissu qbadt nara kif ħa nagħmel l-istruttura ta’ ġewwa, bdejna l-istruttura imbgħad bdejt fuq id-design. Wara d-design qisu mill-bidu ta’ Ottubru qbadt nara kif ħa nagħmlu.”
L-istruttura hija magħmula kompletament minn ingredjenti li jinvolvu z-zokkor, li normalment jintużaw biex jinħoloq kejk.
Qal li “Dan huwa magħmul kollhu mix-sugar paste u modelling paste. Kien kollhu abjad u minn hemmhekk bl-isfumar u bl-ispray gun ġie hu li hu.”
Lil hinn mill-attrazzjoni ta’ Santa Klaws magħmul mill-ħelu, matul dan iż-żmien istabbiliment tiżdied id-domanda għall-oġġetti tal-ħelu tad-deżerta, partikolarment dawk li huma sinonimi maż-żmien tal-Milied. Mistoqsi dwar x’inhuma l-għażliet tal-Maltin, is-Sur Borg fisser kif il-klijenti għadhom iduru għall-affarjiiet tradizzjonali.
Borg spjega kif “Dejjem ikun hemm il-ħelu tradizzjonali tal-Milied bħal qagħaq tal-għasel, fruit cake, christmas cake, mince pies, christmas logs. Issa fl-aħħar qisu ġimgħa jibdew is-suflejiet tradizzjonali bil-custard safra u custard kannella u bl-irkotta. Dawn humma kollha tipi ta’ affarijiet tal-Milied.”