Jingħad li fis-sena 270 wara Kristu twieled f’Parara t-Turkija raġel magħruf bħala Nikola. Huwa aktar tard sar l-Isqof Kattoliku ta’ Myra. Huwa miet fis-6 ta’ Diċembru tas-sena 345.
Dan l-Isqof huwa iktar magħruf għall-parti tiegħu fl-ewwel Kunsill ta’ Nicaea fis-sena 325 li ironikament kien iddikjara li l-Lhud huma “t-tfal tax-xitan” ovvjament xi ħaġa totalment żbaljata, peress li Kristu kien Lhudi. Fil-1087, grupp ta’ baħħara ħadu l-għadam ta’ dan l-Isqof mit-Turkija lejn santwarju f’Bari, l-Italja u fl-1800 ġie ddikjarat mill-Knisja Kattolika bħala qaddis, u għalhekk baqa’ magħruf bħal San Nikola ta’ Bari.
Qabel ma fl-Amerka kien mibdul f’Santa Klaws, San Nikola ta’ Bari kien il-qaddis patrun tat-tfal, tal-baħħara u tan-negozjanti. Fil-fatt kienu xi Olandiżi li marru l-Amerka li introduċew l-figura ta’ Sinterklaas li wara saret Santa Klaws jew Father Christmas bl-Ingliż.
Minkejja li l-oriġini tal-Milied mhix Kristjana, il-festa tal-Milied għalina l-Insara hija t-tifkira tat-twelid tal-Feddej tagħna. Hija festa tal-kbir u taż-żgħir, festa fejn il-messaġġ ewlieni hu l-imħabba tagħna lejn xulxin u r-rispett lejn il-popli kollha tad-dinja.