Il-Kostituzzjoni ta’ Malta għandha tipprojbixxi parteċipazzjoni f’alleanzi militari u huwa żball li l-Unjoni Ewropea tipprova tafferma l-għaqda tagħha billi tinfirex lejn ħidmiet militari.
Dan qalu fil-Parlament Ewropew Alfred Sant li ta r-raġunijiet tiegħu wara li vvota kontra ż-żewġ mozzjonijiet dwar tisħiħ tal-għodod militari għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tressqu quddiem il-plenarja.
L-MPE vvota kontra r-rapport ‘Unjoni ta’ Difiża Ewropea’ u vvota kontra r-rapport ‘Implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurta` u Difiża Komuni’. ‘Il-kostituzzjoni tagħna tipprojbixxi l-parteċipazzjoni f’alleanzi militari u f’għaqdiet internazzjonali involuti fil-gwerer, sakemm dawn ma jkollhomx il-permess tal-Ġnus Magħquda,’ insista l-Ewroparlamentari Malti.
Huwa spjega li r-rapport jibbaża fuq il-premessa għal azzjoni Ewropea li tikkontradixxi dan l-impenn. L-MPE qal li ma jaqbilx f’dan iż-żmien partikolari u li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex issaħħaħ id-dimensjoni militari u li dan il-pass jidher li l-Unjoni Ewropea qed taddatta għall-effetti ta’ disintegrazzjoni tal-BREXIT u li jista’ kollha l-effett oppost.
Ma hemmx kostitwenza popolari biex l-UE tinbidel f’koalizzjoni militari ffinanzjata mir-riżorsi tal-baġit Ewropew.
Għal darb’oħra qed naraw il-metodu l-antik ta’ business as usual li bih passi “żgħar ’il quddiem” jakkumulaw, imbagħad jiġu preżentati li jeħtieġu aktar integrazzjoni, li jekk ma ssirx, jiġri xi diżastru.
“Dan mhux mod aċċettabbli li bih għandna nifformaw l-unita` fl-Ewropa. Jien astjenejt fuq ir-roll call votes sussidjarji kollha għaliex ma kienx ikun koerenti vot f’naħa jew f’oħra fuq aspetti differenti tal-kwistjoni li għandna quddiemna. U ivvotajt kontra l-kunċett sħiħ.” qal l-Ewroparlementari Malti.
Ir-rapport ‘Unjoni ta’ Difiża Ewropea’ huwa favur l-idea li l-Unjoni timxi lejn Unjoni ta’ Difiża Ewropea li tkun struttura li jkollha l-kapaċitajiet militari għall-użu tal-Unjoni Ewropea. Tipproponi l-attivazzjoni ta’ Struttura Permanenti ta’ Koperazzjoni. Tipproponi wkoll twaqqif ta’ Kwartieri Ġenerali Operazzjonali fl-UE u tinkoraġġixxi l-industriji ta’ difiża fl-Ewropa.
Ir-rapport ‘Implimentazzjoni tal-‘Politika Komuni għas-Sigurta’ u d-Difiża’ li jeżamina l-implimentazzjoni ta’ Politika Komuni għas-Sigurta` u Difiża u tal-iżviluppi li saru s-sena l-oħra f’dan il-qasam. Ir-rapport jilqa’ l-azzjoni ta’ Difiża Ewropea u huwa favur kooperazzjoni man-NATO.