Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Alfred Sant qal li l-UE għandha, mingħajr preġudizzju, iżżomm djalogu mal-organizzazzjonijiet mhux terroristiċi kollha tal-Libja u tappoġġja elezzjonijiet li jgħinu biex tkun stabbilita governanza li tista’ treġġa’ lura l-istabilita`, il-paċi u l-prosperita` fil-Libja.
Dr Sant għamel intervent dwar is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tal-Libja fil-preżenza tal-Viċi-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanta Għolja tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurta` Federica Mogherini, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
“L-elezzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu pass kruċjali li jindirizzaw din is-sitwazzjoni. Għalhekk huwa importanti li jkun żgurat, mhux li jsiru elezzjonijiet malajr kemm jista’ jkun, iżda li jsiru b’mod trasparenti u bl-ikbar qbil possibbli fi ħdan il-Libja għar-rilevanza tagħhom stess. Kif jixhdu l-aħħar ġrajjiet fi Tripli, għad hemm problemi kbar ta’ sigurta` li għad iridu jingħelbu. Jekk dan ma jsirx, l-elezzjonijiet se jkunu imminati.”
Dr Sant qal li l-interessi tal-Libja u ta’ niesha, u dawk tal-UE mhux talli jaqblu iżda huma identiċi. “Il-pajjiż għandu bżonn gvern b’saħħtu u stabbli li jżomm għaqda nazzjonali fi ħdan il-fruntieri tal-Libja u fl-istess ħin iqis l-aspettattivi tal-forzi differenti li jeżistu fil-pajjiż. Dan jista’ jseħħ billi kemm jista’ jkun jipparteċipaw fit-tmexxija tal-pajjiż,” qal l-Ewroparlamentari Malti.
Tista’ ssegwi d-diskors ta’ Alfred Sant fuq din il-link: