Qatt ħsibt x’qawwa għandu dak il-lapes li se jkollok f’idek fit-8 ta’ Ġunju?
Minn nhar il-Ġimgħa li, id-19 ta’ April, ONE Radio u ONE se jibdew jiddedikaw sagħtejn fil-ġimgħa li fihom l-editur ta’ thejournal.mt, Sandro Mangion, u l-mistednin tiegħu se jagħmlu kafè, jintefgħu madwar mejda, u jpoġġu f’kuntest usa’ l-elezzjonijiet li fihom se jiġu eletti s-sitt deputati Maltin għal-leġiżlatura l-ġdida tal-Parlament Ewropew. Il-programm, li se jkun jismu ‘Kafè Ewropa’, jibda fid-9am fuq ONE Radio u fl-9.50am jingħaqad ukoll mat-televiżjoni.
Fl-ewwel programm se nitkellmu, fost l-oħrajn, mad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ dwar l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewopea – b’enfasi partikulari fuq il-Kunsill Ewropew, li fil-jumejn ta’ qabel se jkun għadu kif ġabar flimkien fi Brussell lill-kapijiet ta’ Gvern jew Stat tal-pajjiżi membri tal-Unjoni.
Se jsiru interventi mill-kapijiet taż-żewġ missjonijiet diplomatiċi li Malta għandha fi Brussell, li hija kemm il-kapitali de facto tal-UE ukif ukoll il-belt kapitali tal-Belġju. Dawn huma r-Rappreżentanta Perrmanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewopea, Marlene Bonnici, u l-Ambaxxatur ta’ Malta għar-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u n-NATO, Clint Tanti.
F’taqsima oħra, il-kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej Thomas Bajada se jitkellem dwar l-aktar affarijiet li qed jagħtuhom importanza n-nies meta qed jiltaqa’ magħhom waqt il-kampanja elettorali.
‘Kafè Ewropa’ se joffri wkoll żewġ taħditiet mill-aktar interessanti. L-ewwel waħda se tiffoka fuq kif isiru l-elezzjonijiet Ewropej f’Malta u fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, u l-mistednin se jkunu l-Kummissarju Elettorali Ewlieni, Joseph Camilleri, u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Mario Sammut. Se jagħmel intervent ukoll il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, Louis Gatt. It-tieni diskussjoni se tiffoka fuq l-għan tal-fondi Ewropej, kif jinqasmu, u kif jitqassmu. Mistednin fl-istudjow se jkun hemm il-Kap tal-Komunikazzjoni tas-Sevizzi Ewropej f’Malta (is-SEM), Joe Sciberras, u Daniela Grech, Senior Manager tal-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru.
U, għal togħma tajba – litteralment – il-programm ‘Kafè Ewropa’ se jagħti ħarsa lejn il-kunċett tal-għaqda fid-diversità, il-motto li adottat l-UE fis-sena 2000, permezz … tal-kafè