F’dan it-tmiem il-ġimgħa, San Vinċenz de Paul qed tiftaħ il-bibien tagħha biex in-nies imorru u jaraw il-bosta xogħlijiet li hemm għaddejjin fir-residenza li tilqa’ fiha mijiet ta’ anzjani.
Waqt il-ftuħ tal-open weekend, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Aguis Decelis, inawgura statwa ġdida ta’ San Vinċenz.
Ħabbar ukoll li ta’ kull sena San Vinċenz se jkollu festa fit-28 ta’ Settembru, biex jitfakkar qaddis li kien saċerdot sinjur Franċiż li telaq kollox biex jgħin lill-fqar.
Tul dawn il-jumejn ser ikun hemm bosta attivitajiet maħsuba biex iferrħu lill-anzjani fosthom drammi u festini żgħar.
“Aħna nħarsu lejn l-anzjani b’mod ħolistiku. Nieħdu ħsieb l-aspetti spiritwali, kulturali, soċjali, ekonomiċi u mediċi allura kull sezzjoni nippruvaw nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull individwu.” Stqarr is-Segretarju Parlamentari.
L-Assistent Direttur tar-Residenza, Karen Muscat, iddeskriviet dan it-tmiem il-ġimgħa bħala festa għall-familja kollha, biex it-tfal, l-adulti u l-anzjani jifirħu flimkien u jgawdu lil xulxin.
“Huma ħafna importanti biex intejbulhom il-kwalita tal-ħajja, jiġifieri aħna hawnhekk noffrulhom il-kura li għandhom bżonn u importanti li nħalluhom parti mis-soċjeta tagħna fosthom b’dawn l-attivitajiet. Norganizzawlhom ħafna affarijiet biex inżommuhom attivi.” Stqarret Muscat.
Dawn l-attivitajiet jintlaqgħu tajjeb ħafna mir-residenti f’San Vinċenz, hekk kif tixhed it-tbissima fuq fomm l-anzjani nnifishom.