Ftehim ta’ investiment ta’ seba’ mitt elf ewro bejn ir-Residenza San Vinċenz De Paul u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali se jara l-ħolqien ta’ razzett għall-użu terapewtiku għar-residenti u qrabathom.
Dan ir-razzett, li se jkollu diversi annimali, fosthom tiġieġ, żwiemel u ħmir, inkluż dak imsejjaħ bħala Cat Cafè, se jkun qiegħed iservi biex kemm ir-residenti ta’ San Vinċenz ikollhom post ta’ rilassament waqt li jirċievu t-terapija meħtieġa. Il-post ikun jista’ jitgawda wkoll minn persuni oħrajn fil-komunità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul, Dr Josianne Cutajar, stqarret li r-residenza tinsab kommessa li tkompli toffri terapija tal-ogħla livell, filwaqt li tkompli toħloq kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar lir-residenti tagħha u lil dawk li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-istess residenza.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, innota l-benefiċċji li din it-tip ta’ terapija għandha għall-utent, li f’dan il-każ huma l-anzjani.
Qal, “Pet therapy hi sabiħa, għax fl-istess ħin li inti għandek il-persuni qed jieħdu terapija, qed jieħdu kura, dawk l-istess persuni qed jieħdu pjaċir, qed jieħdu rikreazzjoni.”
Abela żied jgħid kif tali kura hi xjentifikament ipprovata li tgħin diversi aspetti tal-ħajja tal-anzjan, fosthom li tbatti l-pressjoni, li tista’ tieħu ħsieb ritmi tal-qalb li jkunu għolja żżejjed u effetti psikoloġiċi bħas-serħan tal-moħħ u nuqqas ta’ anzjetà.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said tkellmet dwar l-importanza li dan ir-razzett se jkun qiegħed jilħaq standards għolja ta’ iġene.
Stqarret, “Għandna diversi veterinarji li anke għenu fl-ippjanar ta’ dan il-post biex nassiguraw li l-post mhux biss ikollu l-aqwa livelli ta’ iġene u dawk sanitarji, imma jkollok ukoll il-benesseri tal-annimali.”