Għal din is-sena, il-Festa ta’ Jum San Valentinu se tiġi ċċelebrata bil-kbir fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet.
Valentine’s Day in Gozo, inizjattiva li tħabbret mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, se tkun imżewqa b’ bosta produzzjonijiet, fosthom wirjiet, kunċerti, festivals tematiċi, u produzzjonijiet teatrali.
Il-Ministru Camilleri qal li attivitajiet ta’ din ix-xorta se jkomplu jassiguraw li Għawdex ikun destinazzjoni għal matul is-sena kollha, filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-aspett kulturali li għandha din il-gżira.
“Se nkunu qed intellgħu programm sħiħ mit-3 sal-14 ta’ Frar, sabiex proprju wkoll nibqgħu nkunu attrazzjoni unika, għall-gżejjer tagħna; attrazzjoni unika mhux biss għar-residenti tagħna iżda għal dawk kollha li jżuruna anke f’dal-perjodu. B’hekk, irridu nkomplu nagħmlu l-gżira waħda dinamika, li tinbidel ukoll ma’ kull staġun u tibqa’ attraenti mas-sena kollha.”
Dan il-kalendarju joffri xi ħaġa għal kulħadd u huwa mfassal bi ħsieb, mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, bil-għan li jesponi t-talenti tal-artisti Għawdxin, flimkien ma’ oħrajn mistiedna.
Min-naħa tiegħu d-Direttur għall-Wirt Kulturali, John Xuereb, stqarr li matul dawn il-jiem, se jitwassal programm ta’ attivitajiet li se jkun jinvolvi wkoll element innovattiv.
Waħda mill-attivitajiet ewlenin se tkun kunċert li se jsir fi Pjazza Indipendenza, fil-qalba tar-Rabat.