Il-festa tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Ġrajja kbira li poġġiet isem artna fl-aqwa storja. Min jixtri l-Bibbja, u hawn b’kull ilsien u bil-miljuni, illum ikun jixtri t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid li fih ukoll l-Atti Tal-Appostli.
Fil-Kapitlu 28, insibu l-aqwa riklam għal min irid iżur pajjiżna. U nittama li nibqgħu bl-istess timbru fuqna, li bħala poplu aħna nies ta’ qalb tajba u nilqgħu lill-barrani fil-bżonn.
Din il-ġrajja ġġib wiċċ-imb-wiċċ ma’ aspett ieħor tal-ġrajja ta’ artna. Konna kolonja tar-Rumani, li kien jużawna U bis-saħħa ta’ San Pawl kellna l-ewwel isqof Malti, San Publiju, li spiċċa matri. It-tnejn kellhom missjoni waħda, jwasslu l-messaġġ ta’ Kristu bħala l-aħbar it-tajba…..għax dik tfisser il-kelma Evanġelu.
U ma nistgħux ma ngħidux li kellna bosta li mxew fuq l-istess passi ta’ San Pawl u San Publiju u xandru l-Evanġelu, l-aħbar it-tajba. Mhux biss fi gżirtna imma mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-missjunjarji Maltin dejjem taw sehem kbir, meta nqisu ċ-ċokon relattiv ta’ pajjiżna. Nistqarr li ħadt gost għall-ħabta tal-Milied li mort fi Triq Merkanti biex nixtri presepju li ridt nagħti rigal, u kien mill-Uffiċċju Missjunarju bil-voluntiera.
Meta nara dawn, ngħid li San Pawl ma ġiex ta’ xejn.
Imma daqstant ieħor niddejjaq meta jew semmiegħa fuq ir-radju jew qarrejja tal-kitbiet fuq facebook, jiġuni kummenti kemm jiddejqu n-nies li l-medja suppost tal-Knisja f’Malta, (ngħidu mnissla minn San Pawl) tinsa dak kollu li hemm fl-Evanġelu u jinfexxu jxandru l-aħbar…..imma tal-partit nazzjonalista.
Ma naħsibx li San Pawl kien ikun kuntent! Xi wħud fil-Partit Nazzjonalista jistennewh bħala “patrimonju” tagħhom, u l-kotra tiddisprezza.
Ejja ma ninħbewx wara d-dritt tal-espressjoni. Meta l-qassis Baget Bozzi ħareġ mas-soċjalisti għall-elezzjonijiet fl-Italja, iddardart. Meta mbagħad inxteħet ma’ Berlusconi aktar. Kulħadd għandu dritt tal-libertà tal-espressjoni, imma kulħadd irid iġib rispett l-istatus li jkun għażel fil-ħajja.
Ħadd qatt ma lmenta miegħi fuq xi priedka li tibqa’ fuq il-binarju tal-Evanġelu, imma hemm min jitmasħan meta jisma’ qassis jagħmel propaganda politika. U n-nies jafu li meta kien hemm partit nazzjonalista fil-gvern kien idawwar sold sewwa.
San Pawl għadu attwali sal-lum, u mad-dinja kollha. Imma qassisin politikanti f’Malta u f’pajjiżi oħra jafu (jew messhom jafu) li qed jagħżqu fl-ilma, u għadda żmienhom. Ma jinfluwenzaw lil ħadd. Hudu mill-aħħar elezzjoni…..