San Patrizju jista’ jispiċċa l-Qorti. Din il-festa li issa daħlet sew fil-kalendarju Malti fejn dak li jkun jiltaqa’ għal żewġ pinet birra iktar mis-soltu, waslet għal kunflitt bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u negozji fl-istess lokalità.
Saħansitra anke d-dipartiment tal-Gvern Lokali wissa lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li qed jikser il-liġi bil-mod kif ħareġ il-konċessjoni lill-kumpanija biex tarma fit-triq bi prominenza fil-jum tas-sbatax ta’ Marzu.
It-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, li Sindku għandu lil Guido Dalli, ħarġet permessi lill-Massive Promotions , kumpanija li ġieli tintuża mill-Partit nazzjonalista. Fil-Bajja ta’ Spinola ngħatat f’idejha permess għal daqq ta’ mużika u bejgħ ta’ xorb minkejja li din il-kumpanija m’għandiex ħanut fl-akkwati .
Din id-deċizzjoni kienet meqjusa bħala abbuzziva, b’Philip Fenech mill-GRTU qal li d-deċizzjoni tas-sindku Dalli hija waħda inġusta man-negozjanti ta’ San Ġiljan , li jħallsu liċenzja u l-ispejjez neċessarji.