Is-sena d-dieħla l-vara titulari ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun se tittieħed Ruma fejn, f’Settembru, se tkun għall-wiri għal xahar sħiħ fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle. Il-vara se tittieħed ukoll f’purċissjoni minn din il-knisja sal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan fejn dan ix-xogħol artistiku ta’ Karlu Darmanin se jintrefa’ fuq l-ispallejn minn reffiegħa Ħamruniżi.
Dan se jseħħ fl-okkażjoni tal-500 anniversarju minn mindu twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regulari, fl-14 ta’ Settembru. Dawn ir-reliġjużi huma magħrufa bħala l-patrijiet Teatini, u wieħed mil-fundaturi tagħhom kien proprju San Gejtanu, li dak iż-żmien huwa kien magħruf bħala Gaetano dei Conti di Thiene.
F’Ruma l-patrijiet Teatini jieħdu ħsieb is-servizz liturġiku kollu tal-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle, djakonija li ilhom iwettqu sa mil-pontifikat tal-Papa Klement VII (1523-1534).
Għal din il-festa tal-500 anniversarju mill-fondazzjoni tagħhom, il-patrijiet Teatini mid-dinja kollha se jikkonverġu f’Ruma sabiex jipparteċipaw fil-festi kbar li se jsiru.
Huwa fatt magħruf li l-Papa Franġisku nnifsu huwa devot ta’ San Gejtanu, anke għall-fatt li f’pajjiżu, l-Arġentina, huwa l-aktar qaddis popolari, wara l-Madonna.
L-inizjattiva biex il-vara titulari tal-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun tittella’ Ruma biex tkun fiċ-ċentru ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kbar ħadha l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit. Ma’ One News, huwa rrakkonta kif żviluppat l-idea.
Huwa qal li fil-ġimgħa tal-Għid, waqt li kien Ruma, kellmu s-Superjur Ġenerali tal-patrijiet Teatini, Salvador Rodea, li kellmu dwar il-festi li qed jitħejjew għall-500 anniversarju, “Kien f’din l-okkażjoni li għidtlu li xtaqt nesplora mal-Knisja Maltija l-possibilità li, għal dawn il-festi kbar, il-Knisja Arċipretali tal-Ħamrun tibgħat il-vara ta’ San Gejtanu, magħmula mill-istatwarju ċelebri Karlu Darmanin, sabiex tkun fiċ-ċentru ta’ dawn il-festi,” qalilna l-Ambaxxatur Zammit.
Huwa rrakkonta li ċempel lill-Arcisqof, Mons. Charles J. Scicluna li dderiġih biex jitkellem mal-Arċipriet u li, jekk l-Arċipriet ikun favorevoli, allura anke hu jappoġġja l-inizjattiva. Min-naħa tiegħu l-Arċipriet, Dun Walter Cauchi, qabel mal-inizzjattiva, li raha bħala opportunità storika li se tkun ta’ unur kbir għall-Ħamrun u għall-Ħamruniżi.
Eventwalment, is-Superjur Ġenerali tal-Patrijiet Teatini u l-Arċipriet tal-Ħamrun tkellmu telefonikament u l-affarijiet bdew jimxu. Min-naħa tiegħu, l-Arcipriet ħatar kumitat organizzattiv li se jkun qed jassistih sa tmiem din l-inizjattiva storika.
Kien proprju llejla ftit tal-ħin ilu, wara l-omelija waqt il-quddiesa tas-6.30pm, li l-Arċipriet tal-Ħamrun ta din l-aħbar lill-parruċċani tiegħu.
Intant, fiż-żmien meta fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle se jkun hemm il-vara ta’ San Gejtanu, se ssir ukoll wirja dwar l-istatwarju Karlu Darmanin.
Fil-passat, l-Ambaxxatur Zammit ħadem mas-Santa Sede fuq progetti oħrajn oriġinali, bħal dak tal-presepju Malti ta’ daqs uman fi Pjazza San Pietru, proġett li seħħ fl-istaġun tal-Milied tal-2016. Ippilota wkoll esebizzjoni ta’ 25 dokument storiku mil-Arkivju Sigriet tal-Vatikan fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta waqt il-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca.
Huwa kien ukoll il-moħħ wara l-produzzjoni ta’ dokumentarju televiżiv ta’ 24 episodju bil-Malti dwar l-istorja tal-Vatikana bl-isem ‘Għad-Dell ta’ San Pietru’.