Taħt xemx tiżreġ, il-Ħadd filgħodu, il-kulur blu ta l-ħajja lill-Birgu u lill-Knisja li ġġorr l-isem ta’ San Duminku.
Dan hekk kif, din il-festa, li hi għal qalb tant Ġirbin, tinsab wara l-bieb, u l-Ħadd sar il-ħruġ min-niċċa, b’diversi opri t’armar ġodda u relikwa miġjuba apposta.
Wara l-ħruġ min-niċċa tradizzjonali, ġiet inawgurata u mbierka stilla ġdida tal-fidda li nħadmet bl-idejn f’Milan mill-artist u arġentier żagħżugħ Gabriel Farrugia.
Dan filwaqt li waslet relikwa Insinji ta’ San Tumas t’Awkinu, li nġiebet minn Ruma, apposta għal din l-okkażjoni.
Il-Pirjol tad-Dumnikani fil-Birgu, Aaron Zahra, tkellem dwar is-sinifikat tar-relikwa u ta -ċelebrazzjoni, kemmxejn b’differenza mis-soltu.
Qal, “Din is-sena l-ordni Dumnikana, qed tiċċelebra s-700 sena, mill-Kanonizzazzjioni tiegħu, u għandna r-relikwa insenji tiegħu, minn Ruma. Ilbieraħ kellna ċ-ċelebrazzjoni marbuta ma’ din ir-relikwa. U hawnhekk nistieden ukoll lill-pubbliku biex jiġi jqim lil din ir-relikwa, ta’ San Tumas t’Akwinu.”
Tkellimna wkoll mas-Segretarju tal-Kumitat tal-Festa, Paul Farrugia, li fisser kif il-ħidma sfieqa tal-kumitat, tilħaq il-milja tagħha, f’avvenimenti ta’ din ix-xorta.
Qal, “Qed tibda l-festa, qed nassistu għall-ħruġ min-niċċa, ta’ missierna San Duminku, issa kif joħroġ min-niċċa, induru mal-Knisja, u noħorġuh fuq iz-zuntier tal-Knisja, idoqq il-banda, iddoqq l-innu, u jerġa’ jidħol f’postu fil-Knisja. Imbagħad ikompli marċ fejn inżanżnu l-opri ġodda, mill-Knisja sal-każin.”
L-istatwa titulari, ħarġet ukoll fuq iz-zuntier tal-istess Knisja, fejn kienet milqugħa, minn ċapċip, briju u daqq tal-banda.
Din il-festa tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd t’Awwissu, jiġifieri nhar il-Ħadd li ġej.