Hekk kif wasal fi tmiemu l-ewwel staġun tal-programm ‘Brillanti’, il-vjolinista Samuel Cutajar ġie ddikjarat rebbieħ ta’ din l-edizzjoni.
Cutajar rebaħ is-somma ta’ għaxart elef ewro flimkien mal-opportunità li jdoqq ma’ orkestra barranija, grazzi għal fondi mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura.
‘Brillanti’, li xxandar fuq l-istazzjon ONE, huwa programm li ta opportunità u spazju lil mużiċisti lokali sabiex juru t-talenti tagħhom u jiġu ġġudikati minn ġurija professjonali.
Il-programm, li beda jixxandar f’April li għadda, attira mal-mitejn applikant li ttantaw xortihom f’din il-kompetizzjoni, li għal dan l-istaġun iffoka fuq il-mużika. Fl-edizzjoni li jmiss, il-programm se jdawwar l-attenzjoni tiegħu fuq iż-żfin.
Il-vjaġġ ta’ Samuel tul dan il-programm wassal sabiex issa se jipparteċipa f’żewġ tours mal-Orkestra Ewropea taż-Żgħażagħ, filwaqt li l-parteċipanti li ġew fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’, u fil-ħames post, ingħataw premju finanzjarju.