Samuel Azzopardi, l-eks Sindku Nazzjonalista tal-belt Victoria, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-eks Kap Adrian Delia u li twarrab mill-establishment li jmexxi l-Partit Nazzjonalista, se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ rappreżentant tar-Reġjun t’Għawdex fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Innutat dan il-gazzetta Kullħadd hekk kif spjegat li ismu tfaċċa fil-lista tan-nominati għall-karigi reġjonali, kif ippubblikata mill-Kummissjoni Elettorali nhar il-Ħamis li għadda.
Il-Kullħadd spjegat ukoll kif fil-fatt Azzopardi kellu jikkontesta għal din l-elezzjoni b’mod indipendenti wara li b’manuvra ta’ block vote kontrih ikkordinata mill-establishment u l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, tneħħa mit-tmexxija tar-Reġjun ta’ Għawdex.
B’hekk huwa se jkun qed jisfida l-Partit tiegħu stess.
Il-magħżul tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun rappreżentant għal Għawdex fl-elezzjonijiet tal-AKL huwa Robert Tabone iben Anton Tabone.
Anton Tabone kien magħruf għall-qrubija tiegħu mal-eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami.
Tabone tefa’ n-nomina tiegħu nhar il-Ġimgħa, fl-aħħar jum disponibbli għall-kontestazzjonijiet.
Kemm ilhom jeżistu r-reġjuni għal dawn l-aħħar 12-il sena, Samuel Azzopardi dejjem irrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex, iżda x-xahar li għadda l-Partit Nazzjonalista mbotta tliet ismijiet għall-elezzjoni interna biex jinqala’ Azzopardi.
Hu magħruf minn sorsi Għawdxin li Azzopardi ma ħax din il-manuvra sew, li mingħajr dubju hi marbuta mal-fatt li hu kien leali lejn l-eks Kap Adrian Delia.
Azzopardi, fil-fatt, kien ħa jipparteċipa f’diversi programmi televiżivi u radjufoniċi qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Ottubru li għadda biex jargumenta kontra l-“Blue Heroes” tal-establishment li riedu jtajru lil Delia bl-iskuża prinċipali, li ma kienx qed inaqqas id-distakk mal-Partit Laburista fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.