Il-poplu Bormliż sellem il-memorja tal-maħbub eks President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali, Samuel Busuttil li ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ erbgħa u disgħin sena.
Samuel, jew aktar magħruf bħala Sammy jew Sunny, twieled fl-1927 u minn dejjem kien ammiratur tar-regatta. Sammy kien isegwi r-regatta mill-qrib u aktar tard f’età żgħira kien ħa sehem fil-protesta magħrufa bħala Tal-Fekruna flimkien ma’ missieru.
Minn dak iż-żmien ‘il quddiem kompla jagħti s-sehem tiegħu din id-darba fil-kariga ta’ segretarju tal-klabb tar-regatta ta’ raħal twelidu, Bormla. Huwa serva f’din il-kariga mal-Presidenti Pawlu Vella u Matty Grima.
Imbagħad fl-1977 inħatar bħala President tal-klabb fejn bdiet karriera ta’ tletin sena fejn il-klabb kiseb ammont kbir ta’ suċċessi.
Fost is-suċċessi li Sammy ħa lejn il-klabb tul it-tmexxija tiegħu kienu jinkludu tlieta u erbgħin shield f’diversi kategoriji u edizzjonijiet differenti ta’ regatta.
Wara l-aħħar tislima fil-Kolleġjata ta’ Maria Immakulata ta’ Bormla, il-President attwali tal-klabb tar-Regatta ta’ Bormla stqarr magħna x-xewqa tal-mibki Sammy.
Qal, “Avviċinatni l-familja tiegħu, parti mill-wirt tiegħu u x-xewqa tiegħu kienet li iħallas dgħajsa huwa nnifsu lil klabb ta’ Bormla. Jiena dan ilqajtu b’ferħ kbir dik hi t-turija ta’ mħabba lejn il-klabb.”
Matul il-funeral, fil-Knisja spikkat il-preżenza ta’ bosta nies li lil Sammy jiftakruh jagħti saħħtu għal-legat li issa ħalla warajh.