Samir Almiri ta’ 37 sena huwa l-Libjan suspettat bil-qtil ta’ Victor Mckeon ta’ 62 sena.
Almiri telaq minn pajjiżna u mar il-Marokk, ftit jiem qabel il-pulizija sabu l-katavru ta’ Mckeon imgeżwer f’boroz suwed fil-kamra tal-banju t’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija.
Il-Libjan kien jgħix ma’ Mckeon fl-appartament.
Il-pulizija mill-ewwel bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex Almiri jinstab. Huwa instab jumejn ilu f’Casablanca l-Marokk fejn ġie arrestat u mistenni jiġi estradit lejn pajjiżna.
Nifhmu li malli jasal f’pajjiżna, il-Libja se jibda jiġi investigat fuq il-qtil ta’ Mckeon. Bl-investigazzjonijiet tal-pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Keith Arnaud.
Almiri mhux l-ewwel darba li kien xellef difrejh mal-ġustizzja. Fl-2015 huwa kien tressaq il-qorti akkużat li prova jisraq basket ta’ mara fil-Balluta.
Sentejn ilu Samir Almiri kien weħel xahrejn ħabs wara li kien neża’ l-qalziet waqt li kien fl-awla quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli.