Is-Sinjura Samantha Pace Gasan inħatret bħala l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
Pace Gasan serviet għal dawn l-aħħar sentejn u nofs bħala Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. F’dak l-irwol, hija ħadmet biex tkattar l-għarfien kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni lejn persuni b’diżabilità, bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom.
Hija tispeċjalizza fil-politika soċjali u bdiet il-mixja tagħha fl-attiviżmu minn età żgħira, fosthom bħala parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-għaqda Studenti Ħarsien Soċjali u l-għaqda Network of Young Women Leaders. Kienet ukoll membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u riċerkatriċi f’numru ta’ proġetti fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Il-Minstru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għarRiformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg awguraw lil Samantha Pace Gasan fil-ħidma ġdida tagħha filwaqt li rringrazzjaw lil Audrey Friggieri għas-servizz tagħha f’din il-kariga sa minn Frar 2020.