Salvu Mallia, kandidat Nazzjonalista f’elezzjoni ġenerali, saħaq li min din id-darba jivvota lill-Partit Laburista mhux ħaqqu jiġi interdettjat mis-sagramenti tal-Knisja Kattolika iżda, skontu, għandu jiġi interdettjat miċ-ċittadinanza Maltija.
Fi kitba fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, il-kandidat ta’ Simon Busuttil sostna li għalih, min se jivvota lill-Partit Laburista, m’ għandux jibqa’ jissejjaħ Malti.
Salvu Mallia mhux l-ewwel darba li nfexx f’attakki iebsa kontra min jappoġġja lill-Partit Laburista.
Dan għamlu filwaqt li Simon Busuttil kien fissru bħala bniedem li jitkellem mill-qalb waqt li kien imlaqqam bħala star candidate tal-Partit Nazzjonalista.
Salvu Mallia nfexx jgħajjar lill-votanti Laburisti bħala nies li ma jixirqilhomx li jibqgħu Maltin fl-istess xahar li fih jitfakkar għeluq it-62 anniversarju minn mindu l-Isqof Mikiel Gonzi kien impona d-dnub il-mejjet fuq kull min kien jassoċja ruħu mal-Partit Laburista jew isegwi dak li kien jagħmel il-Partit Laburista.
Fil-fatt, mhux biss kien hemm min ġie interdettjat fuq hekk, iżda Laburisti li mietu waqt l-interdett spiċċaw midfuna f’oqbra mhux ikkonsagrati f’parti magħrufa bħala “il-miżbla”.
Dan apparti l-fatt li esponenti tal-Partit Laburista kellhom jiżżewġu fis-sagristija.
Ritratt ewlieni: Steve Zammit Lupi