L-eks kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia qal li l-Laburisti huma imwielda bil-velenu f’qalbhom.
Mallia għamel dan permezz ta’ kumment fuq Facebook taħt post li tella’ l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Alfred Sant dwar il-President tal-Parlament Ewropew u kandidata Nazzjonalista Roberta Metsola fejn sostna li din qed tagħmel minn kollox biex tevita kampanja f’Malta, tant li qed tevita kull dibattitu ma’ kandidati oħrajn.
Fil-kumment tiegħu, iżda, Mallia ta l-parir lil Dr Sant biex jikber naqra u sejjaħlu bħala lsir politiku. Saħansitra kkonkluda li nies, bħal Alfred Sant, huma msieken u patetiċi.
Mallia hu fost dawk imfittxijin mill-establishment Nazzjonalista biex jattakkaw lill-Gvern u mhux darba jew tnejn li lissen dan it-tip ta’ diskors ta’ mibegħda fil-konfront tal-Laburisti.
Fil-fatt, l-eks kandidat ta’ żmien Simon Busuttil, li wkoll kien għal qassis, infexx diversi drabi jgħajjar lill-votanti Laburisti bħala nies li ma jixirqilhomx li jibqgħu Maltin u li l-Prim Ministru Robert Abela hu appoġġjat biss mill-injoranti.
Mallia kien ukoll deskritt bħala star candidate ta’ Simon Busuttil li ddeskrivih bħala bniedem li jitkellem mill-qalb.