Minn Jannar ta’ din is-sena ’l hawn, il-Wildlife Rescue Team fi ħdan in-Nature Trust salva ’l fuq minn erba’ mitt annimal li jgħixu fis-selvaġġ.
Matul din is-sena, it-tim irċieva diversi telefonati biex ġew salvati 287 qanfud, 50 telefonata dwar friefet il-lejl, 30 għas-sriep, 13 għall-fkieren u 4 każijiet kienu dwar shrews, jew aħjar kif jirreferu għalih bħala l-ġurdien ta’ geddumu twil.
Il-każijiet ivarjaw minn qniefed li jsibu ruħhom imweġġa’ jew feruti, shrews li jispiċċaw f’nases jew imwaħħla ma’ kolla ta’ kontra l-ġrieden, gremxul u wiżgħat imweġġa’ u saħansitra fkieren tal-baħar li jinqabdu b’xi snanar jew marbutin ma’ ħmieġ fil-wiċċ.
Filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera, il-President tan-Nature Trust, Vincent Attard stqarr ma’ ONE News li l-Wildlife Rescue Team jinsab sodisfatt li l-pubbliku illum sar aktar konxju dwar l-annimali ta’ madwarna.
Huwa qalilna li kien hemm żieda fin-numru ta’ telefonati li daħlu, fosthom anki dwar sriep, li għalkemm ħafna jistmerruhom u jibżgħu minnhom, illum il-pubbliku sar jirrapporta aktar.
Qal, “Qed ikollna żieda li rajniha ma’ Malta kollha li hija interessanti illi n-nies għadhom forsi jibżgħu, m’għandhomx għalfejn, però qed iċemplu flok joqtluhom kif kienu jagħmlu qabel, per eżempju jaraw xi serp u joqtluh, qed iċemplulna biex immorru niġbruh, insalvawh imbagħad neħilsuh x’imkien safe.”
Filwaqt li saħaq magħna kemm hu importanti li wieħed iċempel fuq 9999 9505, tlabna lis-Sur Attard jgħidilna x’għandha tagħmel persuna meta tiltaqa ma’ xi esperjenza ta’ annimal selvaġġ li jkun f’xi periklu.
Qal, “L-importanti li wieħed iċempel lilna fuq in-numru tal-emerġenża, iżomm l-annimal f’post mudlam fejn jista’, u ma jtih xejn jiekol, bi ftit ilma, sakemm niġu aħna. Il-voluntiera tagħna jiġu mill-ewwel, dik il-ġurnata stess, u noħduhom għand il-veterinarji, qabel inkunu nistgħu niddeċiedu nistgħux neħilsuhom jew inżommuhom għal aktar kura.”
Huwa fakkar lin-nies li huwa ksur tal-liġi li jinżammu annimali selvaġġi bħal qanfud bħala pets.
Nature Trust tagħti servizz ta’ salvataġġ ta’ annimali selvaġġi, li huma protetti mill-liġi u dan tagħmlu mingħajr ħlas.