Dalgħodu f’Xatt it-Tiben iddaħħlu ħamsa u disgħin immigranti mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Aktar qabel dawn il-persuni ġew salvati bejn sema’ u ilma mis-suldati Maltin.
Intant ilbieraħ filgħodu, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw sebgħa u erbgħin immigrant li kienu f’diffikultà.
Dawn il-persuni ddaħħlu f’Xatt it-Tiben ilbieraħ filgħaxija, għal ħabta tas-sitta.
Intant il-kriżi umanitarja fil-Mediterran mistennija tkompli tippersisti anki wara l-vjolenza mdemmija li għaddejja fil-Libja.
Fil-fatt it-taħdidiet ta’ waqfien mill-ġlied li saru fil-Ġermanja bejn il-Gvern Libjan rikonoxxut min-Nazzjonijiet Magħquda u l-milizzja ta’ Khalifa Haftar fallew għal kollox hekk kif fl-aħħar sigħat reġgħet feġġet il-vjolenza li wasslet għal mewt ta’ tliet persuni u tmienja u għoxrin oħra ndarbu.
Fil-ġlied bejn forzi differenti Libjani ra lis-suldati leali lejn il-ġeneral Khalifa Haftar javvanzaw f’Abugrein, mija u għoxrin kilometru ‘l bogħod mill-belt ta’ Misurata.
Dan il-post kien taħt il-kontroll tal-Gvern Libjan rikonoxxut mill-komunità internazzjonali.
F’April li għadda, il-forzi leali lejn il-ġeneral Khalifa Haftar beda offensiva militari bil-ħsieb li jieħu l-kontroll ta’ Tripli.
Sa issa huwa jikkontrolla medda ta’ art kbira fl-Lvant u n-Nofsinhar tal-Libja.
Dan il-ġlied qed ikompli jwassal biex għadd ta’ persuni jridu jaħarbu mil-Libja, bil-kriżi umanitarja qed tiġi f’ħoġor il-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa.