Il-Pulizija fl-Awstralja qalet li ġew salvati sitta u erbgħin tifel u tifla u arrestati erbatax-il raġel wara investigazzjoni dwar netwerk internazzjonali ta’ abbuż fuq tfal.
Il-vittmi kienu allegatament soġġetti għal reati li jinvolvu abbuż sesswali u forom oħra ta’ sfruttament.L-investigazzjoni tal-Pulizija fl-Awstralja wasslet għal tliet arresti fl-Istati Uniti wkoll, u ġew identifikati suspettati fl-Ewropa, fl-Asja, fil-Kanada u fi New Zealand.
Din l-investigazzjoni hija meqjusa bħala waħda fost l-ikbar tat-tip tagħha fl-Awstralja.
Il-vittmi għandhom bejn sena u erba’ xhur, u ħmistax-il sena.
L-irġiel qed jaffaċċjaw xejn inqas minn tmien mija u tmienja u għoxrin akkuża ta’ sfruttament tat-tfal, flimkien ma’ akkużi ta’ bestjalità li jinvolvu erba’ annimali.
Wieħed mill-aktar każijiet serji jinvolvi suspettat li kien jaħdem f’ċentru għall-ħarsien tat-tfal fi New South Wales, fejn kellu aċċess għal tletin tifel u tifla.