Sebgħa u għoxrin kelb tar-razza bully ġew salvati minn residenza wara li nstabu ttrattati ħażin, fost oħrajn, billi kienu marbutin bi ktajjen tal-ħadid, f’nuqqas ta’ iġjene u b’numru ta’ ġrieħi. Fosthom, kien hemm żewġ ommijiet li bil-ġriewi magħhom.
Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ħa azzjoni mill-ewwel hekk kif irċieva rapport dwar kelb li allegatament kien f’kundizzjoni ħażina.
F’operazzjoni, li damet għaddejja għal ftit sigħat, l-uffiċjali ħadu lil dawn il-klieb fil-kustodja tagħhom, bl-assistenza tal-Pulizija. Uħud mill-annimali kellhom jiġu kkurati minnufih minħabba l-kundizzjoni prekarja li kienu fiha.
Fejn ikun hemm suspett ta’ maltrattament ta’ annimali, il-pubbliku hu mħeġġeġ jagħmel rapport fuq in-numru tat-telefown 1717.