Noel Borg Hedley daħal jaħdem fil-Ministeru tal-Finanzi ta’ Tonio Fenech, grazzi għall-eksSegretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba.
Meta kien qed jixhed f’kawża ta’ libell li Tonio Fenech fetaħ lil-midja, Borg Hedley xehed li kien jinsab bla xogħol meta Joe Saliba ċempillu biex jistaqsih jekk huwiex interessat jaħdem fil-Ministeru ta’ Tonio Fenech u beda jaħdem hemmhekk fl-April tal-2004.
Joe Saliba, li kien il-moħħ ukoll wara l-JS list, il-lista ta’ negozjanti u kuntratturi li kienu jagħtu donazzjonijiet lill- Partit Nazzjonalista, kien jagħżel persuni speċifiċi biex jaħdmu fil-Ministeru tal-finanli, kif xehed Borg Hedley.
Fl-2010 Borg Hedley, li kien is-Segretajru Privat ta’ Tonio Fenech ammetta mal-Pulizija li kien irċieva rigali mingħand l-aħwa Montebello, sidien tal-lukanda Jerma.
Borg Hedley qatt ma deher komdu jgħid għalfejn ingħata l-flus. Fil-bidu ammetta li kien irċieva rigal għall-kampanja ta’ Tonio Fenech u għall-Partit Nazzjonalista u aktar tard kien qal li irċieva rigali għalih innifsu bies jintervjeni f’multi li l-aħwa Montebello kellhom iħallsu lid-Dipartimenti tal-Gvern.
Il-gravità tal-każ kienet qamet meta kien ġie allegat li l-kuntratturi Montebello kienu qed jagħmlu xogħol fir-residenza privata ta’ Fenech “bi pjacir”.
Fix-xhieda tiegħu Borg Hedley ma ċaħadx li l-aħwa Montebello kien ikollhom laqgħat privati mal-Tonio Fenech fl-uffiċċju tiegħu. Mistoqsi jekk kienx ikun preżenti għal-laqgħat, Borg Hedley wieġeb li qatt.
Hedley sostna li huwa dejjem aġixxa fuq l-istruzzjonijiet ta’ Tonio Fenech.