Bħal kull sena is-Salesian Brigade organizza kamp tas-sajf kbir f’Għajn Tuffieħa fejn madwar 40 tifel u tifla u 25 Uffiċjal u voluntiera ħadu sehem u kollox mar sew bejn it-13 u t-18 t’ Awwissu 2017. It-tfal kollha raqdu taħt tined tal-kanvas u qattgħu sitt ijiem imballati bl-attivitajiet.
Ir-rutina tal-kamp kienet tikkonsisti fit-tlugħ tal-bnadar ta’ Malta u tal-Brigade, l-ikliet mal-ġurnata, duties tal-gruppi, formazzjoni ta’ talb, iġene personali, għawm, provi ta’ kant u reċti żgħar bi preparazzjoni għall-campfire, krafts, pioneering, logħob u kompetizzjonijiet. Attivitajiet oħra kienu jikkonsistu f’mixja ta’ bil-lejl, għawma ta’ kmieni fil-għodu, quiz, outing f’ faċilita’ ta’ paintball, taħdita minn Wasteserve u Quddies.
It-tfal kienu ffurmati f’5 gruppi li flimkien mal-leader tagħhom ikkompetew kemm felħu biex jirbaħ il-grupp tagħhom. Il-gruppi kienu jnaddfu wara kull ikla, jgħinu lil tal-kċina, inaddfu l-campsite, inaddfu l-ablutions u jaraw li kollox ikun fl-ordni. Waqt il-campfire, fejn il-ġenituri u l-ħbieb tas-Salesjani attendew bi ħġarhom, ġie ppremjat l-aħjar team ‘The Flash’, waqt li K. Sacco u F. Falzon kienu ppremjati bħala l-aħjar camper femminili u maskili. Waqt il-campfire it-tfal urew it-talenti tagħhom fil-kant, żfin u reċtar, ġie ppreparat barbq u Fr. Gerald Mangion SDB ta l-handover ‘pastorali’ tiegħu lil-Fr. Charles Said SDB f’dak li jirrikjedi dmirijiet ta’ Kappillan ġdid tal-Brigade.
Il-Brigade rringrazzja lit-tfal u l-ġenituri tagħhom, lic-Chaplain u t-tmexxija tal-Brigade, lil J. Cassar u l-kuplament tat-tmexxija tal-kamp, u l-isponsors kollha li kienu ġenerużi ħafna waqt dan il-kamp. Is-Salesian Brigade se jibqa’ jżomm din l-attivita’ ħajja flimkien ma attivitajiet li jsiru s-sena kollha.
Kull min hu nteressat jissieħeb mas-Salesian Brigade, li jerga’ jibda f’Ottubru li ġej, jista’ jagħmel dan billi jikteb fuq salesianbrigade@gmail.com jew jagħti titwila fuq il-facebook page tas-Salesian Brigade u jara x’attivitajiet joffri.
Wieħed jista’ wkoll iżur il-headquarters tal-Brigade kull nhar ta’ Ġimgħa, li qiegħed fi ħdan l-Oratorju Salesjan fi Triq Karm Galea Tas-Sliema u jitkellem maċ-Chaplain jew xi Uffiċjal.