Fil-każin tal-banda ta’ San Ġiljan għaddej ix-xogħol fuq is-sala ta’ tagħlim ġdida għaż-żgħażagħ ta’ din il-lokalità, li se tkun attrezzata bl-aħħar teknoloġija. Dan permezz ta’ għotja ta’ għaxart elef ewro mill-Fond ta’ Kontinġenza għall-Għaqdiet Volontarji.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Volontarjat Clifton Grima qal kif dan il-proġett qed iżomm ħaj din il-kultura ta’ pajjiżna.
Qal kif, “Qegħdin naraw b’għajnejna kemm huwa importanti li bħala gvern ikunu ta’ sostenn, ta’ spalla għas-settur tal-volontarjat. Infatti permezz ta’ fond ta’ kontinġenza qegħdin naraw ħidma ġewwa l-każin tal-banda ta’ San Ġiljan, li permezz tagħha jkollhom sala tal-mużika li fiha tilqa’ t-tfal ta’ din il-lokalità.”
Is-Segretarja Ġenerali tal-Banda San Ġiljan Theresa Micallef spjegat kif matul l-aħħar għaxar snin it-tagħlim tal-mużika ingħata spinta qawwija u permezz ta’ din is-sala se jkompli jingħata aktar ħajja.