Għall-jum dinji iddedikat għad-dimensja, fl-isptar San Vincenz infethet sala ġdida għall-anzjani nisa li jbagħtu bid-dimensja avvanzata. B’ hekk l-ammont ta’ swali fir-residenza ta’ San Vinċenz għall-persuni bid-dimensja telgħu għal 5- 3 għan-nisa u 2 għall-irġiel.
Is-sala l-ġdida se tilqa’ 24 pażjent, f’ atmosfera moderna u attrazzata għall-bżonnijiet ta’ dawn l-anżjani.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-ftuħ tas-sala, l-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Josianne Cutajar, saħqet li l-operat biex tingħata l-kura speċjalizzata lil min ibati mid dimensja, jinvolvi tim ikbar ta’ nies imħarrġa apposta għaldaqstant l-ispiża għal kull anzjan hija ogħla. Madanakollu stqarret li l-proġett żamm mal-bagit allokat u tlesta fiż-żmien stipulat.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret fl-istrateġija nazzjonali għad-dimensja, mifruxa fuq medda ta 9 snin. Il-ftuħ ta’ din is-sala huwa sinjal li l-Gvern huwa impenjat li jagħti iktar importanza lill-persuni li jbagħtu bid-dimensja. L-ispiża għal dan is-settur tal-pajjiż jammonta għal 1% tal-prodott gross domestiku ta’ pajjiżna.
Bħala parti mill-istrateġija tad-dimensja qed jitħarrġu għexieren ta’ nurses, uħud minnhom li se jaħdmu f’ din is-sala f’ korsijiet li bdew riċentament.