Sal-lum il-ġenituri kollha se jkunu rċevew l-pagament taċ-Children’s Allowance li jkopru l-ewwel 3 xhur tas-sena d-dieħla.
Dawn il-pagamenti, li jlaħħqu investiment ta’ tnax-il miljun ewro, jirriflettu ż-żieda mħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla.
ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali Grazio Barbara, li spjega kif il-pagamenti jingħataw qabel il-ħin skedat sabiex jgħinu lill-familji jippjanaw il-finanzi tagħhom.
Is-Sur Barbara qal li “Kien inħass il-bżonn li minħabba ċertu spejjeż li kien ikollhom il-familji nkunu nistgħu nħallsu minn qabel kemm kull kwart tas-sena, eżempju ta’ April inħallsuh f’Marzu minħabba l-Għid, ta’ Ottubru nħallsuh f’Settembru minħabba l-iskola u ta’ Jannar inħallsuh f’Diċembru anke sabiex dak li jkun jixtri rigali tal-Milied u kulħadd jitħallas bil-mod propizju tiegħu.”
Għal darb’oħra, f’investiment massiċċ ieħor, il-Gvern se jkun qed iżomm kelmtu ma’ mijiet ta’ ġenituri Maltin u Għawdxin, hekk kif kien wiegħed fil-Manifest Elettorali f’dan il-pagament ingħatat l-ewwel żieda ta’ €90 fil-ġimgħa.
Fil-fatt, sal-aħħar tal-leġislatura, il-Gvern se jkun qed iżid iċ-children’s allowance b’€450 għal kull wild.
Id-Direttur Ġenerali spjega li “Iż-żieda se tkun fis-suppliment taċ-Children’s Allowance, iġifieri hemm min jitħallas biċ-Children’s Allowance taħt il-25,000 b’rata għalih u hemm rata oħra min jitħallas ‘il fuq minn 25,000, allura dawk għandhom child supplement differenti u kull suppliment se jkollu ż-żieda relatata miegħu jiġifieri minn kellu bis-€17.50 se jitla għal €35 u min kien bit-€12.50 se jitla’ għal €40.”
Dan il-pagament, li huwa l-ewwel wieħed minn erbgħa, se jkun qed jidħol b’mod dirett fil-kont bankarju tal-ġenituri.