Esperti mediċi li jaħdmu direttament man-nisa tqal laqgħu l-fatt li l-bidliet li se jġib il-gvern fil-Kodiċi Kriminali se jfissru li ma jaħdmux iktar f’dak li sejħu ‘vacuum’ legali. Qalu li l-bidliet joffru linji gwida li jagħmluha ċara li meta l-omm tkun f’riskju, it-trattament irid jingħata.
Huma qalu dan fi stqarrija tal-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists.
Fl-istess ħin qalu li l-emendi jipprovdu qafas għal meta t-telf tal-fetu jkun riżultat tal-fatt li ngħata trattament biex tkun salvata l-ħajja tal-omm.
Saħqu li l-fatt, li meta omm tkun marida serjament ikun hemm tim mediku li jieħu deċiżjoni, hija xi ħaġa tajba u li ma tawwalx id-deċiżjonijiet. Intqal li minflok tagħti serħan il-moħħ li dik id-deċiżjoni jkunu ħaduha tim ta’ esperti iktar milli tabib wieħed waħdu. Qalu li tnaqqas ukoll il-possibbilità ta’ abbuż.
B’referenza għal min qal li din il-liġi tagħmel is-sitwazzjoni agħar, huma qalu li din id-dikjarazzjoni hija infondata u li Malta għandha waħda mill-aqwa rati ta’ mortalità fil-maternità. Għal darb’oħra laqgħu l-bidliet fil-liġi.