L-Assoċjazzjoni Maltija għal–Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) preżentat ir-riżultati tal-istaħrriġ trimestrali lill-membri tagħha li jikopri l-perjodu bejn April u Ġunju 2017 fejn tkompliet tendenza li jiġi rreġistrat tkabbir sinifikanti.
In-numru ta’ turisti li waslu Malta f’dawn ix-xhur żdied b’ 16.9% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Żdied ukoll it-total tal-iljieli li qattgħu f’Malta b’11.9%.
Is-settur tal-lukandiera kellu prestazzjoni ġenerali b’saħħitha. Il-bidla lejn akkomodazzjoni privata kompliet tiżdied b’pass aktar mgħaġġel minn dak għall- akkomodazzjoni kollettiva. L-iljieli f’ akkomodazzjoni privata żdiedu b’ 20%, u kienu jammontaw għal madwar 40% tat-total tal-iljieli tat-tieni kwart tas-sena. L-iljieli fillukandi żdiedu b’iktar minn 6.7% matul it-tieni kwart tal-2017.
Matul l-ewwel 6 xhur tal-2017 iktar minn miljun turist żar Malta. Dawn għamlu iktar minn 6.5 miljun lejl f’pajjiżna, b’ 62% f’akkomodazzjonijiet kollettivi. Sa’ Ġunju 2017 it-turisti nefqu ftit iktar minn 750 miljun ewro, iġifieri medja ta’ €114 kull lejl.
Ir-riżultat tal-istħarriġ tal-BOV Deloitte ikompli jafferma t-tisħiħ tas-settur lukandier li jsegwi t-tkabbir konsistenti fit-turiżmu Malti. L-okkupazzjoni f’livelli ta’ 5 stillel u 3 stillel żdiedet b’ 4.7% u 5% rispettivament filwaqt li l-okkupazzjoni f’livell ta’ 4 stilel baqgħet stabbli.
Ir-rapport inkluda ukoll riċerka dwar kif il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017 affetwat is-settur tal-ospitabilità. Skont l-istħarriġ fl-ewwel sitt xhur tal-2017 s-settur ibbenifika ħafna mill-Presidenza hekk kif madwar 300 attività ġiet organizzata fil-lukandi lokali li attendew għalihom madwar 22,000 parteċipant. B’hekk ġie ġġenerat dħul ta’ madwar €850,000 minn dawn l-attivitajiet. 22,000 kamra ġiet ibbukjata b’madwar 8,200 persuna. Dan iġġenera dħul ta’ €3.1 miljun.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra tkellem dwar il-miżuri tal-baġit. Huwa laqa’ b’mod pożittiv il-kosolidazzjoni fiskali, iż-żieda fil-baġit tal-Awtorità għat-Turiżmu l-miżuri għas-sostenibbilità ambjentali kif ukoll it-tkabbir progressiv fis-settur turistiku filwaqt li talab sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-akkomodazzjoni mingħajr liċenzja.